ŻOMM AĠĠORNAT:

L-20 IL-ĠURNATA: DETERMINATI LI NASLU

Il-Forza Nazzjonali mimlija ideat. Jgħidu x’jgħidu jien impenjat li mmexxi Gvern li jasal għall-kompromess. Biss minn qabel l-elezzjoni qed nuru l-pjan ċar li lesti nwettqu wara t-3 ta’ Ġunju. Ħadt gost ilbieraħ naqsam il-miri ċari li għandna fl-ambjent mal-għaqdiet ambjentali. Iż-Żonqor ma jintmisx u ntuħ kollu lill-familji Maltin. Hekk biss niżguraw arja nadifa għan-naħa t’isfel ta’ Malta. Nagħmlu l-istess bil-White Rocks. Dawn huma wegħdiet ta’ bilanċ. Iva rridu ekonomija li tkompli tikber iżda se npoġġi s-saħħa tal-Poplu l-ewwel u mhux il-gwadann ekonomiku. Għadna strateġija ekonomika li se tkompli tagħti l-frott. Se naħdmu biex niżguraw is-sostenibbilità tal-finanzi pubbliċi. Lil hinn miċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku short-term, se mmexxi Gvern li nindirizzaw il-problemi li żied u ħalla fuq l-ixkaffa l-Gvern ta’ Muscat. Se naraw li nnaqsu infiq bla rażan akbar mill-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku; innaqsu l-impatt kbir bit-traffiku fuq il-kummerċ; nindirizzaw l-emissjonijiet; nnaqsu r-rata għolja ta’ early-school leavers u nerġgħu nibnu r-ruputazzjoni tajba fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Minn hawn ukoll nixtieq naqsam magħkom l-impenn tagħna għall-kultura u l-industrija tal-films li dejjem qed tikber.

Impenji għall-kultura

  1. Jitwaqqaf Ministeru speċifiku għall-Kultura
  2. Tingħata prijorità mmedjata lill-Valletta18
  3. Investiment fl-infrastruttura li tixraq lil pajjiżna: fosthom fuq il-Librerija Nazzjonali, u l-Arkivji Nazzjonali
  4. Insaħħu s-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali f’pajjiżna, b’budget adekwat.
  5. Investiment f’riġenerazzjoni kulturali f’ċentri urbani, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Cottonera Lines u dik tal-Port il-Kbir.
  6. Grant ta’ darba għaż-żgħażagħ bejn 18-21 sena sabiex ikunu jistgħu jagħmlu esperjenza kulturali f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.
  7. Il-VAT fuq ebooks tinżel għal 5% sabiex tgħin lill-pubblikaturi jkomplu jinvestu kif ukoll lill-qarreja jkollhom aktar aċċess.

Impenji għall-films

  1. Il-Malta Film Fund jiżdied għal €2 miljun
  2. L-Inċentiv tal-iskema ta’ Cash Rebate jitla’ għal 30%
  3. Żvilupp fl-infrastruttura, b’mod speċjali b’investiment ġdid fil-water tanks u f’sound stage ġdid.
  4. Jiġi stabbilit Ċentru tal-Films li jiġbor fih kemm il-Malta Film Commission, il-Malta Film Fund, il-Co-Production Fund, kif ukoll faċlitajiet ta’ taħriġ professjonali.

Mal-Forza Nazzjonali m’hemmx sorpriża. Għalhekk jeħtieġ il-bidla. Il-Bidla se tagħmilna Maltin Aqwa. 


ID-19 IL-ĠURNATA: JOSEPH GĦAŻEL PANAMA, AĦNA NAGĦŻLU MALTA

Grazzi Malta! Grazzi lill-eluf taMaltin u Għawdxin li ngħaqdu magħna Ħaż-Żabbar għal mass meeting ieħor mill-aqwa. Il-messaġġ tagħna tant hu b’saħħtu li issa anke Joseph Muscat qed iħeġġeġ biex ilkoll Nagħżlu Malta, ntellgħu l-bandiera Maltija fuq il-bejt . Infatti il-Maltin huma determinati u bi ħgarhom hekk se jagħmlu fit-3 ta’ Ġunju; se jgħażlu Malta u jivvutaw għall-Forza Nazzjonali. Għax il-Maltin jafu li l-għażla hija ċara. Muscat mhux vera jagħżel Malta, Muscat għażel u se jkompli jagħżel Panama u kontijiet moħbija.

Joseph Muscat huwa l-kawża tal-kriżi fpajjiżna. Bil-qerq qed jipprova jwaħħal fina li ħloqna dan l-agħa kollu internazzjonali. Il-Maltin u l-Għawdxin jafu tort tamin. Bħal li kieku konna aħna li ftaħnihom il-kumpaniji fil-Panama? Konna aħna li ħriġna l-Panama Leaks? Il-Gvern ta’ Muscat missu jisħti ukoll li qed jippolitiċizza l-MaltaFiles. Iżda għax Muscat mandux punti validi, l-għawġ li ilu 4 snin iġib fuq Malta qed jipprova jitfgħu fuqna. Jien irrabbjat ferm għall-aġir taMuscat iżda mhux se ninfexx f’dagħdija u għajjat biex nipprova nirbaħ punti politiċi. Il-poplu intelliġenti biżżejjed biex jagħraf il-gideb min qed jgħidu.

Quddiem dan kollu, għandna ningħaqdu iżjed, inħeġġu n-nies iktar biex fit-3 ta’ Ġunju jagħmlu l-aħjar għażla. Nagħżlu Malta.


IT-18 IL-ĠURNATA: MALTA MHIX TAX HAVEN

Dak li qed jingħad fuq diversi siti u publikazzjonijiet dwar pajjiżna huwa inġust.

Malta mhi ebda “tax haven” u ħafna min dak li qed jingħad huwa għal kollox skorrett u hija inaċċettabbli li xi ħadd jipprova jpinġi lil Malta bħala tax haven. Malta m’għandha ebda kumpaniji offshore u r-reġistru tal-kumpaniji tagħna huwa reġistru pubbliku fejn kull persuna tista b’mod liberu tfittex u ssib min huma l-ismhatarji u diretturi tal-kumpaniji konċernati. Is-sistema tat-taxxa tagħna ġiet mibnija fuq medda ta’ għexieren ta’ snin permezz ta’ liġijiet li ġew skrutunizzati u approvati mill-Unjoni Ewropeja ħafna snin ilu u liema sistema ta’ taxxa hija għal kollox trasparenti. Bħalma dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem mill- qrib mal-industrija tas-servizzi finanzjari u jisma’ mill-pariri li qed jingħatawlu lil esperti fis-settur. Fill-fatt diġà ġiet organizzata laqgħa importanti mar-rappreżentanti ta’ dan is- settur nhar il-Erbgħa li ġej. Diġa għidt li li Bħalma dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem mill- qrib mal-industrija tas-servizzi finanzjari u jisma’ mill-pariri li qed jingħatawlu lil esperti fis-settur. Fill-fatt diġà ġiet organizzata laqgħa importanti mar-rappreżentanti ta’ dan is- settur nhar il-Erbgħa li ġej. li l-ewwel ħaġa li jagħmel Gvern ġdid Nazzjonalista hi li jħabbar High Level Expert Group b’esperti mis-settur tas-servizzi finanzjarji biex jagħmlu stock-take tas-sitwazzjoni u jagħti l-pariri lill-Prim Ministru. Ikolli ngħid iżda li inaċċettabbli li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma semax mill-industrija, mill-loġika u mis-sens komun u ma keċċiex il-Keith Schembri u lil Konrad Mizzi aktar minn sena ilu meta dawn inqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama. Għalhekk kien għal kollox previdibbli li l-materja kienet se tkompli tiżviluppa u tisplodi kif filfatt ġara. Kieku keċċihom kieku ma aħniex fil-pożizzjoni daqshekk prekarja illum.


IS-17 -IL ĠURNATA: GĦALIK ELEZZJONI NORMALI?

Mhux normali f’demokrazija li Kap tal-Oppożizzjoni jkollu jmur għand Maġistrat b’files kollha evidenza dwar korruzzjoni. U lanqas mhu normali li minħabba dan kollu Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni bikrija u jiprova jagħti l-impressjoni li xejn mhu xejn. Il-maskla ta’ Muscat issa nkixfet kollha. Tant qed imiss il-qiegħ li qed jirrikorri għall-intimidazzjoni. Ilbieraħ erġajna ffaċċjajna theddida oħra għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Il-klikka korrotta marret tiftaħ kwerela għand il-pulizija biex tintimida lil dawk li ħarġu l-informazzjoni biex jiġu żvelati l-każi li huwa mdaħħal fihom Keith Schembri. Din xokkanti! Iżda fuq kollox ikomplu juru kemm l-evidenza hija s-sewwa magħruf. Pruvaw jiddieħku għax preżentajt tmien files. Il-Maġistrat issa jaf x’fihom il-files u kif diġà  għidt jekk Joseph Muscat se jibqa’ jinsisti fil-gidba li qed jemmen hu biss, kif għidt ma naħsibiex darbtejn li nippubblika l-evidenza li ressaqt ilbieraħ. Iżda l-ewwel u mhux forsi jien niżgura l-protezzjoni massima lil dawk kollha li għax verament għandhom għall-qalbhom l-interessi  ta’ Malta resqu l-fatti.

Mhux ta’ b’xejn il-Partit ta’ Muscat qed jaqla’ kull qlajja u gidba biex jgħatti xturu! Issa ppublikaw il-manifest elettorali u lanqas biss kelma waħda ma jgħidu kontra l-korruzzjoni. Erba’ snin ilu wiegħed fuq li wiegħed kontra l-korruzzjoni. Din id-darba biex żgur ma jigdibx mhux iwegħdek ġlieda kontra l-korruzzjoni għax fil-manifest elettorali kiteb il-baħħ ħalli jkun jista’ jkompli jgħaffeġ u jaqbeż għall-klikka li tiftaħ il-kontijiet sigrieti l-Panama. Dan hu l-vera Muscat! Jpinġi kollox kbir, sabiħ, ileqq, pompuż u bix-xinxilli iżda mbagħad iqarraq, iħawwad, jidħak bik għax il-manifest elettorali ta’ Muscat hu dak li ma jgħidlekx u mhux dak li jgħidlek.

Għalhekk fit-3 ta’ Ġunju se nagħżlu Malta biex il-baħħ ta’ Muscat inxejnuh.


IS-16 IL-ĠURNATA: IL-VERITA' MA TMERIHIEX

Kif qed taraw din hija kampanja elettorali intensiva ħafna. Madankollu xorta qed insib ċans immur dik il-ġirja u ftit eżerċizzju l-ewwel ħaġa filgħodu. Mgħaġġla kemm hi mgħaġġla l-ħajja dik in-nofs siegħa għalina u għal saħħitna żgur li nistgħu insibuha. Dan lili jgħini biex matul il-jum inkompli bil-missjoni tagħna li nwasslu l-messaġġ fundamentali quddiemna. Fl-aħħar jumejn erġajt kelli nkun jien li mmur għand il-Maġistrat biex inkompli nikxef l-għemil ħażin tan-nies viċin il-Prim Ministru. Joseph Muscat tant jaf li għandna raġun li issa ħbiehom lis-super candidate Konrad Mizzi u c-chief of staff Keith Schembri matul dil-kampanja. Hu mingħalih li qed jipprova jkompli jaħbi billi jgħid li qed naħlu l-ħin tal-Maġistrat, iżda l-verità hi li din l-informazzjoni missu wasal għaliha u investigaha l-Kummissarju tal-Pulizija meta kellu l-ewwel l-informazzjoni xhur ilu. Dan m’għamlux għax b’Joseph Muscat fit-tmexxija l-ewwel l-interessi tal-klikka ta’ Kastilja u mbagħad l-interess Nazzjonali.

Il-Forza Nazzjonali biss tista’ tirranġa din is-sitwazzjoni u għalhekk nibqgħu konvinti li din hi elezzjoni li tħoll u torbot il-prinċipji tagħna. Iżda mhux biss, qed nuru biċ-ċar li dan huwa partit li bilfors għandu riċetta aqwa minn ta’ ħaddieħor għax barra li se nikkonsolidaw l-ekonomija se nnaddfu r-reputazzjoni ħażina li għamlilna Muscat fl-aħħar 4 snin.

Diġa’ spjegajna ħafna mill-proposta fejn se ngħinu lil kull faxxa tas-soċjetà ħalli l-ġid verament jinħass mill-faxex kollha. Se ngħinu lin-negozji żgħar billi nnaqsulhom it-taxxa, billi qed nintrabtu li 25% tax-xiri mill-Gvern jkun mingħandhom u mingħand kumpaniji li jħaddmu inqas minn 50 ruħ - biex niżguraw li ż-żgħir ikollu sehem akbar fl-ekonomija. Lill-familji se ngħinuhom b’iktar servizzi ta’ child care centres b’xejn, u niżguraw pagi l-istess għall-istess xogħol. Għal Għawdex għandna 100 proposta waqt li qed nintrabtu li verament nibżgħu għall-ambjent billi ma niżviluppawx iż-Żonqor u lanqas il-White Rocks. Minn hawn nixtieq ukoll nagħmilha ċara li l-Partit Nazzjonalista huwa favur iktar drittijiet ċivili u għalhekk bħala Prim Ministru se niżgura żwieġ għall-koppji tal-istess sess.

Intant, nħeġġiġkom mill-ġdid tingħaqdu bi ħgarkom magħna għada għall-Mass meeting f’Ħaż Żabbar. Narakom!!


IL-15 IL-ĠURNATA: IŻ-ŻGĦAŻAGĦ MAGĦNA

Jien dejjem għidt li m’għandniex nibżgħu insemmgħu leħinnha kontra l-korruzzjoni. Meta jkolli l-provi jien ngħaddihom lill-Awtoritajiet li verament jistgħu jiggarantixxu li f’Malta tirrenja d-demokrazija sħiħa. Sfortunatament la l-forzi tal-ordni, partikolarment it-tmexxija tal-korp tal-pulizija trid apposta tibqa’ għamja u siekta quddiem ix-xibka t’abbużż li qed tiswielna r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, ilbieraħ jien ġejt quddiem il-poplu Malti u Għawdxi kollu u kxift dettalji ġodda dwar kif l-iktar persuna qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat għadda iktar minn €650,000 lill-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group Adrian Hillman bla spjegazzjoni ta’ xejn u liema flus għaddew minn kumpaniji sigrieti u strutturi finanzjarji sigrieti, fost l-oħrajn permezz ta’ banek fl-Iżvizzera, f’Ġibilità u Pilatus Bank ta’ Ta’ Xbiex.

Din hija prova oħra li se nieħu għand il-Maġistrat inkwerenti għaliex iktar minn qatt qabel huwa ċar li Joseph Muscat mhux biss nies korrotti għandu miegħu f’Kastilja iżda kriminali. Jiċħdu kemm jiċħdu bl-istqarrijiet tagħhom, il-provi huma iswed fuq l-abjad. Nibqa’ tal-punt li għahekk din l-elezzjoni bikrija li għandna quddiemna hija elezzjoni dwar il-prinċipju. Il-Gvern ta’ Muscat ried li nivvotaw daqshekk kmieni biex il-kors tal-ġustizzja ma tilħaqx tagħti verdett tagħha. Iżda ċertament il-poplu qed jifhem l-għażla ċara u fondamentali li għandu quddiemu. Anke ż-żgħażagħ wrew ilbieraħ waqt id-dibattitu fl-Università  li jimpurtahom dwar il-ġid komuni ta’ pajjiżna. Qed jgħarrfu li qed jgħixu f’pajjiż li għandu l-istrutturi istituzzjonali mhedda minn Joseph Muscat li japprova l-korruzzjoni u jibqa’ jiddefendi nies li ta’ kuljum imexxu għal buthom biss. Iż-żgħażagħ huma s-sinsla tal-futur ta’ pajjiżna u għahekk huma wkoll qed iħossuhom iktar parti kruċjali mill-Forza Nazzjonali. Illum qed nerġgħu ngħixu ż-żminijiet meta 14–il sena ilu għidna IVA għall-Malta fl-Ewropa. Illum hemm bżonn ngħidu IVA mill-ġdid għal Malta u LE għal Joseph Muscat.

Għalhekk aħna fiduċjużi, mimlijin bit-tama, li intom se tkunu minn ta’ quddiem li bħalma 13–il sena ilu, tagħtu rebħa lil min hu fuq in-naħa tas-sewwa. U dan nistennewh bir-raġun kollu, għaliex issa sar iktar ċar x’inhi d-differenza bejn il-Forza Nazzjonali tagħna u l-Gvern ta’ Muscat wara 4 snin sħaħ ta’ ħakma b’qerq u korruzzjoni.

Jien nitlobkom li bl-intelliġenza tagħkom, bil-mohh tagħkom, bir-raġuni tagħkom tifhmu għala l-pajjiż qed isejjħilna. Kulk min se jivvota għall-Forza Nazzjonali għandu jagħmel dan mhux  għax forsi dejjem ivvota lill-Partit Nazzjonalista, iżda għax il-Pajjiż hekk jixraqlu: Gvern ġdid, Gvern Sinċier, Gvern Onest, Gvern li verament ikollu l-enerġija biex jreġġa’ lura r-rupatazzjoni li tixraqilna u jippjana l-quddiem għall-ġid tal-poplu kollu.

Ħbieb tiegħi, baqalna ftit jiem ohra biex nissiġillaw ir-rebħa għas-sewwa. Jekk aħna nimxu bilgħaqal, ikollna fiduċja fina nfusna, nkunu leali lejn il-prinċipji li nemmnu fihom, IVA se nergġħu nreġġgħu dan il-pajjiż fuq saqajh. Jien nħeġġeġ lil dawk il-Laburisti Maltin u Għawdxin li dan il-Gvern ta’ Muscat tradihom u caħadhom biex ma jibżgħux jersqu lejn il-Forza Nazzjonali u flimkien immexxu Gvern tan-Nazzjon kollu. Iseħħ hekk biss jekk fit-3 ta’ Ġunju INT tagħżel MALTA.


L-14 IL-ĠURNATA: PROPOSTI VS FAKE NEWS...GĦAŻEL MALTA!

Wasalna nofs triq tal-kampanja elettorali. Id-differenza bejn il-Forza Nazzjonali u l-partit tal-klikka ta’ Muscat hija ċara. Aħna nippubblikaw il-proposti, nisimgħu l-ideat u nitkellmu man-nies b’mod ġenwin u ħaddieħor jiftaħ website b’ismi kollha fakenews u jipprova jnewwaħ li qed joħonqulu l-libertà  tal-espressjoni meta din twaqqfet. Apparti li l-materjal huwa għal kollox qarrieqi, qalu li hija website satirika, meta lanqas kellhom id-diċenza juru min kitibha jew ħoloqha. Dan kollu iżda, ma xejjen xejn mill-vera aħbarijiet tal-bieraħ. Il-Magistrat reġa kompla jinvestiga fil-Pilatus Bank kemm dwar it-tranżazzjonijiet bejn Keith Schembri u Brian Tonna u anke dwar il-kumpanija Egrant u l-involviment tal-Prim Ministru. Apparti hekk ilbieraħ kompliet tixhed il-whistleblower dwar il-każ imma allajbierek għall-PBS dan mhux żvilupp li tajjeb ikun jaf bih il-poplu għax ma rrappurtaw xejn! Dawn huma l-istess nies li newħu dwar id-dritt tal-espressjoni għax għalqulhom il-website fakenews taparsi f’ismi!! Lanqas jistħu!

Lil hinn minn dan kollu, il-Forza Nazzjonali tibqa’ pożittiva fil-messaġġ tagħha. Wara t-3 ta’ Ġunju se mmexxu Gvern li jibni fuq it-tajjeb li hawn bħalissa u jxejjen il-klikka ta’ korruzzjoni li nifdet il-qalb u r-ruħ ta’ pajjżna. Se nagħmlu dan billi lill-familji u l-ħaddiema ntuhom vera ekonomija għan-nies. Għandna pjan ċar kif nqassmu l-ġid ma’ kulħadd u mhux ‘roadmap’ li tħaxxen biss il-bwiet tal-klikka. Aħna qed nintrabtu biex:

  1. Innaqqsu l-income tax għall-ħaddiema li jaqilgħu sa €20,000
  2. Innaqqsu l-income tax fuq xogħol part-time għal 10%
  3. Innaqqsu l-income tax għas-self employed u negozji zgħar għal 10%
  4. Inneħħu t-taxxa tas-sisa li daħħal Joseph Muscat
  5. Inżidu l-kapital ta’ garanziji mill-Malta Development Bank
  6. Innaqqsu t-taxxa fuq profitti ri-investiti
  7. Noffru eżenzjoni ta' taxxa għal negozji innovattivi

Din hi l-Forza Nazzjonali li qed immexxu. Dan hu li jrid il-poplu. Komplu waslu l-ideat u l-opinjonijiet tagħkom permezz ta’ dan is-sit http://forzanazzjonali.com/vuci. Wara t-3 ta’ Ġunju l-ideat isiru realtà għax flimkien se Ngħażlu Malta.


IT-13 Il-ĠURNATA: Il-POPLU JAF...

Il-pożittività tal-Forza Nazzjonali hija n-nies. Il-Gvern ta’ Muscat din qed jaraha u tant hu mfixxkel li issa dar għat-tattiċi qarrieqa li jibgħat l-esponenti tiegħu jmur fuq ix-xandiriet politiċi biex jilgħab bis-sentiment tan-nies. Eżempju ta’ dan hu dak li rajna lbieraħ filgħaxija waqt l-ewwel xandira mill-iskeda tal-Awtorità tax-Xandir. X’faqar meta tara u tisma’ li jridu jattribwixxu affarijiet kundannabbli għat-taparsi qed ngħiduhom aħna. Il-Forza Nazzjonali kburija li mhux biss qed tgħid is-sewwa magħruf waqt din il-kampanja iżda qed inpoġġu n-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna. DiĠà ntrabatna b’diversi pjani konkreti li se jerġgħu jagħtu d-dinjità lill-ħaddiema u iktar flus fil-but. Fost dawn se nżidu:

  • 30,000 impjieg ta’ kwalità fis-settur privat, waqt li d-dħul medjan fl-industrija jiżdied b’25% u 30% tul ħames snin.
  • Jiddaħħal fil-Kostituzzjoni l-obbligu li l-baġit jinżamm ibbilanċjat, ħlief f’każi eċċezzjonali.
  • Nibnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ta’ fiduċja, stmat, sigur u ġust.
  • Nikkonsolidaw il-pożizzjoni tas-setturi tas-servizzi finanzjarji, gaming, avjazzjoni, farmaċewtika, life sciences, manifattura avvanzata u loġistika.
  • Inwaqqfu Kunsill Ekonomiku bħala bord konsultattiv li jagħti pariri lill-Prim Ministru dwar is-sostenibilità fit-tul tal-ekonomija. 

Dan mhux biss, għax ilbieraħ ħabbarna proposti li se ngħollu l-vuċi tal-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom. Kburi wisq li għandna 8 proposti mill-aqwa:

  • Skema ta’ Life Plans: Ftehim bejn il-Gvern u l-ġenituri biex ikunu jistgħu jserrħu rashom li uliedhom se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti, b’persuni mħarrġa li jieħdu ħsiebhom.
  • Djar fil-lokalità: Jiżdiedu d-djar apposta għal persuni b’diżabilità.
  • Sostenn lill-NGOs
  • Pensjonijiet Ġusti: Il-pensjoni għal min għandu diżabilità severa li timpedieh milli jaħdem, tgħola sal-livell tal-minimum wage, jiġifieri €170 fil-ġimgħa
  • Summer Schools: Ikun hemm Summer Schools maħsuba apposta għal tfal b’diżabilità.
  • Hearing Aids: Għajnuna finanzjarja konkreta lill-familji li jkunu jridu jixtru Digital Hearing Aids.
  • Service Dogs
  • Għajnuniet Strutturali: Jiżdied b’mod sostanzjali l-għajnuna finanzjarja lill-familji li jkollhom bżonn jgħamlu ristrutturar fid-djar tagħhom sabiex jieħdu ħsieb kif jixraq lil uliedhom.

Quddiem dan kollu il-Gvern ta’ Muscat qiegħed biss jipprova jipprovoka u jbeżża’. Iżda l-Forza Nazzjonali iktar ma tmur iktar tissaħħaħ għax kif qal l-eks Ministru Laburista Dr. Godfrey Farrugia li ngħaqad mal-Forza Nazzjonali għaliex ma jistax iħalli pajjiż marid mingħajr ma jiprova jfejqu.

Għalhekk din hi elezzjoni dwar il-prinċipji: Muscat m’għandux il-prinċipju tal- onestà u għalhekk m’għandniex nafdawh. Fit-3 ta’ Ġunju afdaw lilkom infuskom u b’forza kbira agħżlu Malta. 


IT-12 IL-ĠURNATA: NGĦIDU IVA GĦAL MALTA

Kellna ġimgħa oħra ta’ kampanja mill-aqwa. Grazzi lill-eluf ta’ nies li ngħaqdu magħna lbieraħ f’Ħaż-Żebbuġ.  Kif għidt ilbieraħ dan hu mument li pajjiżna qed jgħajtilna biex nerġgħu ngħidu IVA. Ngħidu IVA għall-Malta onesta u LE għall-klikka korrotta li qed tħammar wiċċ Malta.

Il-Partit l-ieħor qed jgħid lill-partitarji tiegħu li mhux il-waqt li jagħtu tbeżbiża lil dan il-Gvern korrott. Filwaqt li jammetti l-ħniżrijiet li saru, Joseph Muscat qalilhom li se jieħu passi dwar il-governanza u dwar l-ambjent b’mod partikolari. Iżda min se jemmnu? L-ewwel kasbru l-liġijiet, għawġuhom kif riedu biex dak li kien minn dejjem ħażin ġabuh tajjeb u għamluh apposta biex igawdu huma u tal-klikka.

Dan hu l-mument ħbieb tiegħi li nerġgħu ngħidu IVA għalina u għal uliedna. Ejja nieħdu l-unika ċans li verament ngħixu l-ħolma Ewropeja u vvutajna għaliha 13 –il sena ilu u fl-aħħar 4 snin rajniha qed tisfaxxa. Kif qed tisfaxxa? Huwa allarmanti r-rapport fil-gazzetti lbieraħ li qal li bank ewlieni Ġermaniż - Commerzbank AG - mhux se jibda jaċċetta dikjarazzjonijiet ta’ kumpaniji ta’ awditjar Maltin, l-aktar minħabba l-applikazzjonijiet tar-regolamenti kontra l-ħasil ta’ flus. Ara kif ġabuna! Għalhekk din mhix elezzjoni normali; għalhekk qed ngħidu li hija elezzjoni li rridu nagħżlu bejn il-klikka korrotta u l-ġid ta’ Malta.

Għandi fiduċja kbira li l-Forza Nazzjonali li wellidna, IVA se terġa’ tagħżel Malta.

U x’qed jagħmlu biex jippruvaw jgħattu s-sewwa magħruf. Il-partit l-ieħor issa infexx f’dagħdiha ta’ gideb kemm fuqi u kemm fuq diversi kandidati tal-Partit Nazzjonalista. Minn hawn inserraħ għal darb’oħra ras kulhadd li mhux vera li Gvern Nazzjonalista ġdid imiss il-kaċċa; mhux vera li mal-PN l-ekonomija tmur lura; mhux vera li naqtgħu s-servizz tal-IVF fl-isptarijiet pubbliċi; mhux vera li se nżidu t-taxxa. Dawn huma kollha qlajjiet biex ibeżżgħu, biex jifirduna iżda aħna tal-Forza Nazzjonali se ngħidulhom LE għal dan il-qerq u b’vuċi waħda fit-3 ta’ Ġunju se ngħajtu IVA għal Malta.

Dawn il-jiem li ġejjin se jkunu  kruċjali. Inħeġġkom tkomplu tiltaqgħu man-nies u tfehmu l-messaġġ. Kull vot jgħodd. U jgħodd ħafna iktar meta fit-3 ta’ Ġunju Nagħżlu Malta.


IL-11 IL-ĠURNATA: VUĊI SODA GĦALL-GĦAWDXIN

100 proposta għal Għawdex! Mhux proposti li waqgħu mis-sema’ iżda mitt proposta li jridu l-Għawdxin stess. Kemm jien kburi li għall-ewwel darba fl-istorja qed nagħtu l-opportunità li malli l-Forzi Nazzjonali tingħata l-fiduċja fil-Gvern se nkunu qed inwettqu manifest elettorali sħiħ iddedikat għal Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista huwa d-dar naturali tal-Għawdxin. Joseph Muscat ma jistax imeri s-sewwa magħruf. Wiegħed xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex u minflok żdiedu b’600 l-Għawdxin li ta’ kuljum jieħdu l-iskariġġ jinżlu bilfors jaħdmu Malta. Il-pjan tiegħi hu li mmexxi Gvern li jeżenta t-taxxa tad-dħul lin-negozji li jagħżlu jiftħu f’Għawdex, ngħinu lil dawk il-koppji żgħażagħ li jibqgħu jew ireġġgħu lura f’Għawdex; ninvestu €75 miljun f’toroq ġodda u fuq kollox nerġgħu l-isptar ġenerali t’Għawdex lill-Għawdxin. Dan il-patt mal-Għawdxin se jerġa’ jagħti lura dak li vera jixraqilna. Grazzi lil Simon Mizzi li mexxa t-tfassil tal-manifest għal Għawdex u grazzi tal-entużjażmu li erġajna qed naraw u nħossu.

Fil-frattemp, dawn il-kelmtejn qed niktibhom ftit tard mis-soltu. Infatti ktibthom malli ħarġet l-aħbar li Dr. Godfrey Farrugia rriżenja mill-Partit Laburista u ngħaqad bħala kandidat mal-Forza Nazzjonali. Merħba Godfrey u merħba lil dawk kollha, bħall-idrologu Marco Cremona li qed jgħarrfu li l-pajjiż qed isejħilna nagħmlu il-vera l-aqwa għażla – Nagħżlu Malta.

It-triq għat-telgħa, iżda konvint li flimkien se nerġgħu nagħtu lill-Malta r-ruħ li tilfet fl-aħħar erba’ snin. Ingħaqdu magħna għada għall-Mass Meeting f’Ħaż Żebbuġ ħalli s-sewwa jirbaħ żgur.