ŻOMM AĠĠORNAT:

Min għandu d-dritt li jivvota fl-Elezzjoni Ġenerali Maltija?

Iċ-ċittadini Maltin kollha ta’ 18-il sena u fuqhom, għandhom id-dritt tal-vot, dment li jkollhom in-numru tal-identità reġistrat fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan mhux fir-Reġistru Elettorali, ifisser li mhumiex intitolati biex jivvutaw u allura ma jirċevux id-dokument tal-vot. Wieħed jista’ jara jekk hux intitolat sabiex jivvota billi jara li n-numru tal-identità huwa preżenti fir-Reġistru Elettorali.

Dawk li ser jagħlqu 18-il sena sat-2 ta’ Ġunju 2017 ser jkunu inklużi fir-Reġistru Elettorali u għalhekk ser ikunu intitolati sabiex jivvutaw nhar it-3 ta’ Ġunju 2017.

Issa huwa tard wisq sabiex barranin jiksbu ċ-ċittadinanza sabiex jkunu intitolati sabiex jivvutaw.


Meta u fejn ser nirċievi d-dokument tal-vot?

Id-distribuzzjoni tad-dokumenti jsir f’tlett stadji, kif spjegat hawn isfel:

L-Ewwel Stadju: Il-pulizija, akkumpanjati mir-rappreżentanti ta’ kull partit politiku, se jżuru l-indirizz fejn int irreġistrat/a sabiex iqassmu d-dokumenti tal-vot tal-persuni ntitolati sabiex jivvutaw f’dik ir-residenza.

It-Tieni Stadju: Jekk id-dokumenti tal-vot ma jkunux tqassmu b’suċċess fl-ewwel stadju tat-tqassim (bħal meta ma jkun hemm ħadd id-dar sabiex jiġbor id-dokumenti tal-vot), imbagħad tista’ tiġbru personalment mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità tiegħek jew mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali f’każ li l-lokalità m’għandiex Għassa tal-Pulizija. Il-ġbir tad-dokument jista’ jsir biss bil-presentazzjoni tal-Karta tal-Identità. F’kaz li ghandek il-Karta tal-Identità skaduta, trid tmur l-Ufficcju Elettorali fin-Naxxar (ex-Trade Fair Grounds) jew l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat, Għawdex u jagħmlulek Karta tal-Identità temporanja biex tiġbor id-dokument tal-vot mill-għassa.

It-Tielet Stadju: Dokumenti tal-vot li ma jitqassmux jew li ma jinġabrux sat-tieni stadju jiġu rritronati lill-Uffiċċji Elettorali fin-Naxxar (ex-Trade Fair Grounds) jew l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat, Għawdex. Madankollu, tista’ tiġbor d-Dokument tal-Vot f’dan l-istadju jekk tmur personalment f’dawn l-uffiċċji. Dan it-tielet u l-aħħar proċess jibqa’ sejjer sa’ nofsillejl tal-Ħamis l-1 ta’ Ġunju 2017.

Persuni b’diżabbitiltà jew b’xi diffikultà oħra li ma’ jistgħux jiġbru d-dokument tal-vot personalment fl-Għases tal-Pulizija/Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali jew l-Uffiċċju Elettorali jistgħu jagħmlu talba sabiex ssir Distribuzzjoni Speċjali sabiex id-Dokument tal-Vot jitwassal fir-residenza tagħhom.


Jekk minix qiegħed id-dar meta jitqassmu d-dokumenti tal-vot għandi niġborhom minn x’imkien?

Jekk ma jkun hemm ħadd id-dar, kull individwu li jgħix fid-dar rispettiva jkollu jiġbor id-dokument tal-vot personalment mill-Għassa tal-Pulizija (jew mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali f’każ li l-lokalità m’għandiex Għassa tal-Pulizija).

Tista’ tiġbor id-dokument tal-vot billi tippreżenta l-Karta tal-Identità tiegħek. F’kaz li għandek il- Karta tal-Identità skaduta, trid tmur l-Ufficcju Elettorali fin-Naxxar (ex-Trade Fair Grounds) jew l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat, Għawdex u jagħmlulek karta tal-identità temporanja biex tiġbor id-dokument tal-vot mill-għassa.


Ommi/missieri anzjan/a t/joqgħod miegħi avolja hi/hu għadha/u rreġistrat/a bħala resident fid-dar l-antika tagħha/tiegħu. Kif ser j/ġġib d-dokument tal-vot tagħhom?

F’każ li resident anzjan li jgħix ma’ qarib f’indirizz differenti min dak li hemm fuq il-karta tal-identità, Distribuzzjoni Speċjali tista’ tiġi organizzata għar-residenza fejn qed t/jgħix bħalissa.


X’dokumentazzjoni irrid nieħu miegħi apparti d-Dokument tal-Vot?

Meta tmur tivvota kun żgur li tieħu d-Dokument tal-Vot. Minkejja li mhix obbligatorja, tkun idea tajba li tieħu l-Karta tal-Identità.


Kif inkun naf fejn ser nivvota u fi x’ħin se jiftaħ il-Post tal-Votazzjoni?

Il-post eżatt tal-Post tal-Votazzjoni fid-distrett elettorali tiegħek jkun indikat fuq id-dokument tal-vot innifsu. Dan jinkludi l-isem tat-triq u tal-binja, flimkien man-numru tal-kamra fejn tkun ser tivvota.

Il-votazzjoni fid-distretti elettorali kollha ssir is-Sibt, t-3 ta’ Ġunju 2017 bejn is-7am u l-10pm.


Se jkolli nsiefer fil-jum tal-elezzjoni. Hemm mod kif nista’ nivvota qabel?

Jekk tkun se ssiefer jew se tiddaħħal l-isptar fil-jum tal-elezzjoni tista’ tagħżel li tivvota ġimgħa qabel, is-Sibt, is-27 ta’ Mejju 2017.

Sabiex tkun eliġibbli għas-sistema tal-Early Voting system, trid tirreġistra d-dettalji fl-Uffiċċji tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar jew fir-Rabat Ghawdex sal-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2017 f’nofsinhar.


Jien persuna b’ħafna impenji. Nista’ niskeda ħin li fih nista’ nivvota jew ikolli nibqa’ fil-kju?

F’ċertu ċirkustanzi, tista’ taqbeż il-kju.

Dan jista’ jsir biss jekk:

  • Jekk trid issiefer fil-jum tal-elezzjoni;
  • Inti persuna anzjana ta’ 60 sena jew aktar, u tmur tivvota wara nofsinhar; jew
  • Għandek aktar min 70 sena jew aktar. F’dan il-każ tista’ taqbeż il-kju f’kull ħin tal-ġurnata.



X’jiġri jekk nitlef jew neqred id-dokument tal-vot tiegħi?

Jekk nitlef jew neqred id-Dokument tal-Vot bi żball, tista’ tapplika għall-replacement.

Biex tagħmel dan, trid tmur personalment l-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar jew fir-Rabat (Għawdex) u tagħmel dikjarazzjoni ġuramentata, fejn tispjega għaliex għandek bżonn replacement. Imbagħad jinħarġlek dokument tal-vot speċjali.

Dan jista’ jsir sal-Erbgħa 31 ta’ Mejju fid-9pm.


Kif ser nkun naf f’liema distrett ser nivvota?

Dan hu indikat b’mod ċar fid-dokument tal-vot.


Nista’ nivvota f’kwalunkwe distrett, barra min dak li ngħix fih?

Le. Inti tista’ tivvota biss fid-distrett fejn inti rreġistrat u ma tistax tivvota fl-ebda distrett ieħor.


Jien Għawdxi u rreġistrat bħala resident f’Għawdex minkejja li naħdem Malta. Fejn għandi nivvota?

Inti dejjem trid tivvota fil-Post tal-Votazzjoni li ġejt asssenjat fih skont id-dokument tal-vot tiegħek. Dan ikun dejjem fid-distrett elettorali fejn inti rreġistrat bħala resident. F’dan il-każ trid tivvota f’Għawdex. Id-dokument tal-vot ser jitqassam fid-dar tiegħek f’Għawdex.

Madankollu, jekk ma tistax tiġbor id-dokument tal-vot fid-dar tiegħek f’Għawdex, tista’ titlob għal transfer tad-dokument għall-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar, Malta min fejn jkollok tiġbru personalment billi tippereżenta l-Karta tal-Identità. Dan jista’ jsir billi tintbagħat e-mail lill-Kummissjoni Elettorali fuq electoral.office@gov.mt jew billi tmur personalment sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2017 fis-2pm. Id-dokumenti tal-vot ikunu jistgħu jinġabru personalment bejn id-29 ta’ Mejju 2017 u l-1 ta’ Ġunju 2017. 


Nista’ nivvota bil-posta?

Le. Trid tmur personalment fil-Post tal-Votazzjoni fid-distrett tiegħek.


Nista’ nivvota online?

Le. Trid tmur personalment fil-Post tal-Votazzjoni fid-distrett tiegħek.


Nista’ nivvota f’Ambaxxata jew Konsolat Malti fejn noqgħod?

Le. Jeħtieġ li tiġi Malta biex tivvota.


Se jkun hemm xi kumpens għall-ispejjeż tal-ivjaġġar sabiex ninżel Malta biex nivvota?

L-Air Malta se jopera titjiriet issussidjati fir-rotot tagħha. Tista’ taqta’ biljetti direttament mill-Air Malta fejn tgħid speċifikament li se tkun qed issiefer Malta sabiex tivvota fl-Elezzjoni Ġenerali. Xiri ta’ dawn il-biljetti jista’ jsir billi ċċempel lill-Call Centre tal-Air Malta fuq (+356) 2599 1230.

Jekk l-Air Malta ma ttirx lejn il-pajjiz fejn toqgħod kkuntatja lill-Uffiċċju ELCOM jew ibagħat email fuq flights@pn.org.mt għal aktar informazzjoni.


Kif ser tidher il-polza tal-votazzjoni, u kif nkun ċert li ma nitħawwadx bejn kandidat ta’ partit u ieħor? Kif nivvota għall-partit jew għall-kandidati tal-preferenza tiegħi?

Il-polza tal-votazzjoni hija maqsuma f’sezzjonijiet differenti; kull sezzjoni tirrapreżenta partit politiku. Is-sezzjonijiet għandhom kuluri li jirrapreżentaw l-kuluri rispettivi tal-partiti u l-kandidati jkunu mniżżla f’lista f’ordni alfabetiku skont il-kunjom.

Sabiex tivvota għal dawk il-kandidati li tixtieq tara eletti, poġġi l-preferenza (numru) fil-kaxxa li tkun eżatt ħdejn l-isem tal-kandidat tal-preferenza tiegħek f’ordni sekwenzjali (wara xulxin).

Ftakar li l-partit li tagħti l-ewwel preferenza tiegħek huwa l-partit li tixtiequ jerbaħ l-elezzjoni. Dan għaliex il-partit rebbieħ huwa l-partit li l-kandidati tiegħu jirċievu l-akbar numru tal-ewwel preferenzi.


Nista’ nivvota lil kandidati min partiti differenti?

Iva. Tista’ tivvota għall-kandidati minn partiti differenti. Madankollu, l-ewwel preferenza tiegħek tiddetermina lil min tixtieq tara jmexxi lil pajjiżna.

Tinsiex li tista’ tagħti l-ewwel preferenza lil kandidat wieħed biss, tieni preferenza waħda biss, tielet preferenza waħda biss, eċċ, eċċ. Jekk tirrepeti preferenza tkun qed tinvalida l-vot.


Ma nafx naqra sew. Kif ser nifhem dak li hemm fuq il-polza tal-votazzjoni?

Jekk ma tafx taqra sew, xorta waħda tkun tista’ tivvota. Meta tasal fil-Post tal-Votazzjoni informa l-Assistenti Kummissarji Elettorali li jkun hemm li għadnek bżonn l-għajnuna sabiex tivvota. Huma jkunu jistgħu jassistuk billi jagħlqu temporanjament il-kamra tal-votazzjoni għall-votanti oħrajn u huma jassistuk billi jimlew il-polza tal-votazzjoni skont l-istruzzjonijiet tiegħek.


Il-kuluri tal-kandidati jkunu jaqblu mal-kuluri tal-partiti?

Iva. Il-kandidati kollha li ser jikkontestaw l-elezzjoni jkunu organizzati bill-kuluri biex jirreflettu l-partiti tagħhom. Dan jsir biex jiffaċilita li jintgħarfu l-partiti li l-kandidati qed jikkontestaw magħhom.


Jien qiegħed f’wheelchair. Huma aċċessibli l-Postijiet ta’ Votazzjoni?

Iva. Il-Postijiet tal-Votazzjoni jipprovdu aċċess għal dawk li huma fil-wheelchair. Barra min hekk, jekk għandek bżonn trasport lejn il-post tal-votazzjoni, aħna nistgħu ngħinuk.


Jiena persuna anzjana. Se jkun provdut trasport lejn u mill-Post tal-Votazzjoni?

Iva. Trasport se jkun provdut mill-Uffiċċju ELCOM b’xejn għal dawk kollha li jeħtieġu tali servizz.


Jien residenti permanenti f’dar tal-anzjani/sptar u ma nistax nitlaq meta nixtieq. Kif nista’ nivvota?

Id-Dokument tal-Vot ser jitqassam direttament fil-post fejn qed toqgħod.

Sistema ta’ votazzjoni speċjali se tkun fis-seħħ sabiex tagħmilha possibli li residenti li jgħixu f’istituzzjonijiet partikolari jistgħu jivvutaw bla diffikultà. Il-Ħamis, l-1 ta’ Ġunju 2017 l-votazzjoni ssir f’dawn l-isptarijiet sabiex ir-residenti eleġibbli kollha jkunu jistgħu jivvutaw:

  • L-Isptar Mater Dei
  • L-Isptar Karin Grech
  • L-Isptar Gozo General
  • L-Isptar Mount Carmel

Jekk inti residenti f’wieħed min dawn l-istituzzjonijiet m’hemmx bżonn tirreġistra sabiex tivvota b’din is-sistema speċjali.


Ma nistax inħalli t-tfal ma’ xi ħadd. Nista nieħu lil wild/tfal zgħir/zgħar miegħi?

Iva. Tfal jistgħu jakkumpanjaw il-ġenituri tagħhom fil-Postijiet tal-Votazzjoni. Tfal żgħar jistgħu jistennew lil ġenituri tagħhom fill-kurituri.